Kif twaqqaf Soċjetà Kooperattiva Ewropea
Kooperattiva hija negozju li huwa proprjetà ta’ grupp ta’ persuni jew entitajiet ġuridiċi, li joperawha u li jaqsmu bejniethom kemm il-benefiċċji kif ukoll ir-responsabbiltajiet tat-teħid tad-deċiżjonijiet tagħha. Għall-kuntrarju tal-kumpaniji tradizzjonali, li huma ffukati fuq il-massimizzazzjoni tal-profitti, il-kooperattivi għandhom l-għan li jissodisfaw il-ħtiġijiet tal-membri tagħhom.
Jekk inti parti minn kooperattiva li tixtieq tespandi lil hinn mill-fruntieri interni tal-UE, it-twaqqif ta’ Soċjetà Kooperattiva Ewropea (Societas cooperativa Europaea, SCE) huwa għażla effettiva. Din l-istruttura legali tippermettilek topera f’aktar minn pajjiżi wieħed permezz ta’ qafas uniku, u tiffaċilitalek l-aċċess għas-swieq akbar, il-kooperazzjoni internazzjonali, u l-kisba ta’ ekonomiji ta’ skala.
Ir-rekwiżiti ewlenin u l-formazzjoni
Ir-rekwiżiti ewlenin għal Soċjetà Kooperattiva Ewropea (SCE) jinkludu:
- kapital minimu ta’ €30,000
- reġistrazzjoni fil-pajjiż tal-UE fejn ikun jinsab l-uffiċċju prinċipali tiegħek
- sħubija ta’ individwi jew entitajiet minn mhux anqas minn żewġ pajjiżi differenti tal-UE.
L-SCE tista’ tinħoloq bi tliet modi:
- billi tibda mill-bidu nett b’mill-inqas ħames individwi jew żewġ entitajiet ġuridiċi minn pajjiżi differenti tal-UE
- billi tgħaqqad f’ħaġa waħda żewġ kooperattivi eżistenti jew aktar
- jew billi tikkonverti kooperattiva eżistenti li tkun ilha topera f’pajjiż ieħor tal-UE għal mill-inqas sentejn.
Storja bħala eżempju
Mil-livell lokali għal dak Ewropew: kif tliet kooperattivi ngħaqdu favur l-enerġija rinnovabbli
Tliet kooperattivi fil-qasam tal-enerġija rinnovabbli minn Spanja, id-Danimarka, u l-Belġju riedu jikkollaboraw biex jiżviluppaw proġetti solari u eoliċi madwar l-Ewropa. Biex jissimplifikaw l-operazzjonijiet u jaċċessaw il-finanzjament, iddeċidew li jiffurmaw Soċjetà Kooperattiva Ewropea (SCE). Filwaqt li ssodisfaw ir-rekwiżit tal-membri minn mill-anqas żewġ pajjiżi tal-UE, ġabru flimkien €30,000 f’kapital u rreġistraw l-SCE fil-Belġju, fejn għażlu li jibbażaw l-uffiċċju prinċipali tagħhom. Huma qablu dwar struttura ta’ governanza b’organu maniġerjali li jikkontrolla l-operazzjonijiet ta’ kuljum u organu superviżorju li jipprovdi sorveljanza. Issa, bħala entità legali waħda, jistgħu jinnegozjaw kuntratti aħjar, jespandu l-proġetti tagħhom, u jaqsmu r-riżorsi b’mod aktar effiċjenti lil hinn mill-fruntieri.
Il-governanza
Il-votazzjoni tipikament timxi mal-prinċipju kooperattiv ta’ “membru wieħed, vot wieħed”, għalkemm il-votazzjoni ponderata hija permessa f’ċerti każijiet.
Trid tagħmel laqgħa ġenerali mill-inqas darba f’sena, u d-deċiżjonijiet jittieħdu b’maġġoranza sempliċi ħlief fejn jidħlu l-bidliet fl-istatuti interni, li jeħtieġu maġġoranza ta’ żewġ terzi. L-istruttura maniġerjali tiegħek tista’ tkun sistema b’żewġ livelli b’organu maniġerjali u organu superviżorju jew inkella sistema b’livell wieħed b’organu amministrattiv wieħed, li tippermetti flessibbiltà.
Ir-rappreżentanza tal-persunal
Qabel ma tiġi rreġistrata SCE, għandu jiġi ffurmat Korp Speċjali tan-Negozjar (Special Negotiating Body, SNB), li jkun magħmul minn rappreżentanti tal-impjegati mill-pajjiżi kollha involuti. L-SNB jaħdem mal-maniġment tal-SCE biex jaqblu dwar il-livell u l-metodi tal-involviment tal-impjegati, inklużi l-għoti tal-informazzjoni, il-konsultazzjoni u, f’xi każijiet, il-parteċipazzjoni fl-organi tat-teħid tad-deċiżjonijiet.
It-tassazzjoni
Għal skopijiet ta’ taxxa, SCE tiġi ttrattata bħal kull kumpanija multinazzjonali oħra u tħallas it-taxxi f’kull pajjiż fejn topera.
Ikseb aċċess għall-informazzjoni nazzjonali hawn taħt.