Privattivi

Drittijietek

Privattiva tagħtik drittijiet esklużivi fuq l-invenzjoni tiegħek għal perjodu limitat, normalment ta’ 20 sena. Ħadd ma jkun jista’ jagħmel, juża, joffri għall-bejgħ, ibigħ, jew jimporta l-prodott protett mill-privattiva, jew iwettaq il-proċess li din tipproteġi, mingħajr il-permess tiegħek. Tista’ tagħti lil xi ħadd ieħor il-permess biex juża l-invenzjoni permezz ta’ ftehim ta’ liċenzja ta’ privattiva jew tbigħ il-privattiva lil xi ħadd ieħor.

Twissija

Huwa importanti li tkun taf li l-fatt li jkollok f’ismek privattiva fuq invenzjoni mhux neċessarjament jippermettilek tużaha, peress li jista’ jagħti l-każ li jkun hemm privattiva preċedenti li tkun tipproteġi teknoloġija usa’ li l-invenzjoni tiegħek tkun qed ittejjibha (pereżempju).

X’tipproteġi privattiva

Uża privattiva biex tipproteġi l-invenzjonijiet tekniċi tiegħek: prodotti jew proċessi fi kwalunkwe qasam tat-teknoloġija li huma ġodda, jinvolvu pass inventiv, u għandhom applikazzjoni industrijali. Madankollu, fl-Ewropa japplikaw ċerti esklużjonijiet. Pereżempju, programmi tal-kompjuter, skoperti marbutin ma’ metodi tan-negozju, teoriji xjentifiċi, “metodi għat-trattament kirurġiku jew terapewtiku tal-ġisem tal-bniedem jew tal-annimali”, kif ukoll varjetajiet ta’ pjanti u annimali, ma jistgħux jingħataw privattiva fl-Ewropa.

Jekk trid tkun taf jekk hux diġà nħarġet privattiva għal xi ħaġa li tixbah lill-invenzjoni tiegħek, aqra l-FAQ dwar it-tfittxija tal-privattivi de en Iftaħ bħala link estern tal-Uffiċċju Ewropew tal-Privattivi de en Iftaħ bħala link estern u kkonsulta l-bażi tad-data tal-Espacenet de en Iftaħ bħala link estern .

Kif tirreġistra privattiva

Biex tikseb privattiva, l-invenzjoni tiegħek trid tissodisfa ċerti kriterji, bħal li tkun ġdida u tinvolvi pass inventiv. Il-proċess jibda bil-preżentazzjoni ta’ applikazzjoni(jiet) għal privattiva mal-uffiċċju/i tal-privattivi rilevanti. Wara li jistudja d-domanda tiegħek, l-uffiċċju jiddeċiedi jekk joħroġx il-privattiva jew jirrifjutax l-applikazzjoni.

  • Jekk teħtieġ protezzjoni f’pajjiż Ewropew wieħed biss, tista’ tippreżenta applikazzjoni għal privattiva fil-livell nazzjonali billi tikkuntattja l-uffiċċju nazzjonali tal-privattivi de en fr rilevanti.

Għal protezzjoni f’diversi pajjiżi Ewropej, għandek żewġ għażliet ewlenin:

  • Privattiva Ewropea: Din hija l-għażla tradizzjonali. Tista’ tapplika għal privattiva Ewropea en mal-Uffiċċju Ewropew tal-Privattivi (EPO) de en fr . Jekk tingħata privattiva Ewropea, imbagħad trid “tivvalidaha” mal-uffiċċju nazzjonali tal-privattivi de en fr f’kull pajjiż fejn tfittex protezzjoni. Kull pajjiż jista’ jkollu r-rekwiżiti individwali tiegħu, bħal traduzzjonijiet jew tariffi. Illum il-ġurnata, privattiva Ewropea tista’ tkopri sa 44 pajjiż.
  • Privattiva unitarja: Għal kwalunkwe privattiva Ewropea mogħtija fl-1 ta’ Ġunju 2023 jew wara, tista’ tagħżel ukoll is-Sistema tal-Privattiva Unitarja en l-ġdida, billi titlob li jiġi attribwit “effett unitarju” lil dik il-privattiva. Illum dan jagħtik kopertura fi 18-il pajjiż tal-UE (u se jiżdiedu fil-futur), mingħajr ebda rekwiżit ta’ validazzjoni nazzjonali. Barra minn hekk, tħallas tariffa annwali ta’ tiġdid waħda lill-EPO minflok tariffi separati f’kull pajjiż. Għall-pajjiżi li ma jipparteċipawx fis-Sistema tal-Privattiva Unitarja, xorta trid tgħaddi mill-proċess ta’ validazzjoni tradizzjonali.
  • Jekk tixtieq li jkollok protezzjoni fil-livell internazzjonali, tista’ tippreżenta “applikazzjoni internazzjonali” skont it-Trattat ta’ Kooperazzjoni dwar il-Privattivi (magħrufa wkoll bħala “applikazzjoni PCT en ”) biex titlob protezzjoni f’sa 158 pajjiż. Wara l-“fażi internazzjonali” ta’ 30 xahar, li matulha tirċievi rispons dwar jekk l-invenzjoni tiegħek tkunx tissodisfa l-kriterji biex tiġi kkunsidrata għal privattiva, tista’ tagħżel li tagħmel il-pass li jmiss u tapplika għal privattivi fl-uffiċċji nazzjonali jew reġjonali tal-privattivi li jkunu l-aktar adatti għall-finijiet tiegħek.

Ara wkoll

Il-protezzjoni tal-privattivi fl-UE en

Ikkonsulta l-informazzjoni nazzjonali hawn taħt.

Ara wkoll

Teħtieġ l-għajnuna mis-servizzi ta’ assistenza?

Ikkuntattja s-servizzi ta' assistenza speċjalizzata

Helpdesk tal-Proprjetà Intellettwali (PI)

Il-Helpdesk Ewropew tal-PI jappoġġa lill-SMEs u l-attivitajiet ta’ riċerka transfruntiera biex jiġġestixxu, ixerrdu u jivvalorizzaw it-teknoloġiji u d-Drittijiet tal-Proprjetà Intellettwali (DPI) u l-assi tal-PI fil-livell tal-UE.

Għandek xi mistoqsijiet dwar kif topera negozju transfruntier, pereżempju l-esportazzjoni jew l-espansjoni lejn pajjiż ieħor tal-UE? Jekk hu l-każ, Enterprise Europe Network jista’ jagħtik pariri b’xejn.

Tista’ tuża wkoll l-faċilità għas-sejbien tas-servizzi tal-assistenza biex issib l-għajnuna t-tajba għalik.

L-aħħar verifika: 28/01/2025
Ikkondividi din il-paġna